IPS Student Scheme - Summer Plus Programme
L-Iskema tal-Apprendistat tas-Servizz Pubbliku ta’ Malta hija programm strutturat li jgħaqqad taħriġ prattiku fuq il-post tax-xogħol mal-edukazzjoni formali. L-Iskema titmexxa b’kollaborazzjoni mal-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST), li huwa ċ-ċentru vokazzjonali ewlieni fuq il-gżira. Din l-Iskema tipprovdi lill-istudenti b’opportunitajiet f’setturi u rwoli differenti fi ħdan is-Servizz Pubbliku ta’ Malta, kemm f’termini ta’ żvilupp personali kif ukoll opportunitajiet ta’ xogħol futuri mas-Servizz Pubbliku. L-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi (IPS) għandu rwol essenzjali fl-attrazzjoni tat-talent fi ħdan is-Servizz Pubbliku, billi jiżgura li dawn l-iskemi jgħinu liż-żgħażagħ u lil dawk li qed ifittxu x-xogħol jiksbu ħiliet speċifiċi għall-industrija waqt li jaħdmu taħt il-gwida ta’ professjonisti b’esperjenza fis-Servizz Pubbliku.
Matul l-2024, l-IPS daħħal ’il fuq minn 120 student mas-Servizz Pubbliku ta’ Malta li qed jistudjaw għal-livelli 3 sa 6 tal-MQF fl-Iskema ta’ Apprendistat. Bħalissa, l-IPS għandu diversi opportunitajiet ta’ impjieg b’apprendistat miftuħa fl-MCAST għall-intake li jmiss fi Frar u Ġunju 2025 u qed jimmira li jdaħħal 150 apprendist addizzjonali f’diversi setturi.
Ta’ min jinnota li s-sena l-oħra, l-ogħla numru ta’ apprendisti ġie mill-programmi tad-Diploma Avanzata fil-Marketing, fis-Sistemi u n-Networks tal-Kompjuter, u fl-Amministrazzjoni tan-Negozju. Din is-sena, l-IPS osserva domanda li qed tevolvi fis-suq tal-impjiegi, li ġiet enfasizzata minn Riċerka interna bil-għan li jiġu identifikati l-opportunitajiet essenzjali ta’ apprendistat għall-intake tal-2025. Kien hemm żieda notevoli fl-interess mill-Ministeri fi studenti li qed isegwu l-istudji tagħhom fl-Amministrazzjoni tan-Negozju, il-Kontabilità, u x-Xjenza Applikata. B’rispons għal dan, ġew identifikati wkoll opportunitajiet ġodda fit-Tiswija tal-Karozzi (Bodi u Żebgħa), fix-Xogħol tal-Mastrudaxxa, fid-Disinn u l-Manifattura tal-Għamara, u fit-Tisħin, il-Ventilazzjoni, u l-Arja Kundizzjonata (HVAC).
Fl-aħħar nett, billi tallinja l-opportunitajiet mad-domandi tas-suq li qed jevolvu, din l-iskema tagħti s-setgħa lill-apprendisti biex jibnu karrieri sinifikanti filwaqt li jikkontribwixxu għal forza tax-xogħol mħarrġa u adattabbli. Inizjattivi bħal dawn maħruġa mill-IPS jiżguraw li s-Servizz Pubbliku ta’ Malta jkompli jinvesti fl-iżvilupp tat-talent, u jrawmu t-tkabbir u l-innovazzjoni f’setturi diversi.
Hawn taħt insibu xhieda mis-Sa Cloe Vella, apprendista li qed issegwi Diploma Avvanzata fis-Sistemi u n-Networks tal-Kompjuter, li reċentement lestiet l-apprendistat tagħha mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.
Is-Sa
Cloe Vella (Apprendista)
Diploma Avvanzata fis-Sistemi u n-Networks tal-Kompjuter
“L-esperjenza tiegħi bħala studenta apprendista fi ħdan is-Servizz Pubbliku ta’ Malta kienet pożittiva ħafna. Ix-xogħol mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva tani għarfien u esperjenza siewja. It-tim li kont fih tani l-appoġġ, u l-ħiliet li ksibt se jkunu utli ħafna għall-karriera futura tiegħi.
Ninsab tassew grata ta’ din l-opportunità u kburija li lestejt is-sigħat tiegħi mal-MHA. Din l-esperjenza kienet tant sodisfaċenti li qed nikkunsidra li nestendi l-ħin tiegħi hemmhekk taħt skema oħra.”
Jekk teħtieġ aktar informazzjoni tista’ tikklikkja fuq din il-link jew tikkuntattja lill-IPS fuq Tel: 2200 1884 jew b’email: [email protected].