Riċerka u Librerija
Riċerka
It-Taqsima tar-Riċerka hija komponent integrali fi ħdan l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi (IPS) li hija mmirata biex issaħħaħ l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fuq livell nazzjonali filwaqt li tmexxi wkoll kultura fis-Servizz Pubbliku kollu għal riċerka applikata ta’ kwalità bbażata fuq l-evidenza bħala parti mill-proċess ta’ politika, it-teħid ta’ deċiżjonijiet b'mod strateġiku u fl-operat tiegħu.
L-iżvilupp tat-Taqsima tar-Riċerka fi ħdan l-IPS tnissel minn tliet rekwiżiti ewlenin:
- L-ewwel rekwiżit huwa li tipprovdi qafas ta’ appoġġ akkademiku għall-istudenti li qed jagħmlu riċerka f’materji u oqsma ta’ interess u fi ħdan is-Servizz Pubbliku.
- It-tieni huwa li tappoġġa l-operazzjonijiet u l-attivitajiet interni tal-Istitut billi tipprovdi riċerka bbażata fuq l-evidenza mmirata biex tindirizza l-iżvilupp tal-IPS bħala ċentru ta’ eċċellenza fit-taħriġ u l-iżvilupp tal-Uffiċjali Pubbliċi.
- Fl-aħħar nett, hija maħsuba primarjament biex tindirizza l-ħtiġijiet, tidentifika t-tendenzi u teżamina opportunitajiet u theddid li jista’ jaffettwa s-Servizz Pubbliku ta’ Malta fil-ġejjieni. Dan għandu jsir b’mod proattiv mal-Ministeri, id-Dipartimenti, l-Entitajiet u l-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni.
Ir-riċerka fl-IPS hija meqjusa minn approċċ olistiku u tkopri spettru wiesa’ ta’ oqsma amministrattivi, operazzjonali u ta’ politika li jistgħu jaffettwaw kemm is-Servizz Pubbliku ta’ Malta kollu iżda wkoll dawk it-temi li għandu mnejn ikunu aktar speċifiċi għal gradi jew Ministeri individwali. Il-mira aħħarija hija li tikkontribwixxi għal aktar titjib tas-Servizz Pubbliku ta’ Malta u l-ambizzjoni tiegħu li jaspira għall-eċċellenza.
L-IPS għandu l-mira li jwessa’ r-riżorsi tar-riċerka tiegħu billi jagħmel użu minn studenti li juru interess li jagħmlu riċerka dwar oqsma fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta, bl-iżvilupp ta’ riċerkaturi ddedikati interni u permezz tal-motivazzjoni tat-tuturi u l-edukaturi tiegħu li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal proġetti tar-riċerka u pubblikazzjonijiet tal-IPS.
Sabiex itejjeb aktar il-viżibbiltà tar-riċerka, fl-2020 l-IPS nieda Librerija tal-IPS uffiċjali sabiex jippromwovi aktar l-importanza tar-riċerka li hija aċċessibbli għall-uffiċjali pubbliċi biex iwettqu aktar studji. Il-librerija hija mgħammra bl-artikli l-aktar riċenti, ġurnali u xogħlijiet ta’ studju oħra. Flimkien mal-librerija, l-uffiċjali pubbliċi jistgħu wkoll jibbukkjaw bil-quddiem spazju għal studju fil-librerija fejn jistgħu jagħmlu r-riċerka u l-istudji tagħhom.
Sentejn wara, fi sforz kontinwu biex jittejbu r-riżorsi tal-Librerija tal-IPS, l-IPS issieħeb ma’ ProQuest biex jespandi s-servizzi tiegħu permezz ta’ ekosistema diġitali komprensiva. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, l-uffiċjali pubbliċi jkunu jistgħu jaċċessaw kollezzjoni vasta ta’ ġurnali online u eBooks permezz tad-database estensiva ta’ ProQuest. Bl-integrazzjoni tar-riżorsi diġitali ma’ taħriġ fuq il-post u materjali tal-librerija fiżiċi, din l-inizjattiva trawwem esperjenza ta’ tagħlim olistika, fejn tiżgura li l-uffiċjali pubbliċi jkollhom aċċess bla xkiel għar-riżorsi tal-għarfien tradizzjonali u diġitali.
Fl-2021, it-Taqsima tar-Riċerka nediet l-ewwel waħda minn sensiela ta’ pubblikazzjonijiet ippjanati: l-IPS Journal. L-IPS Journal huwa antoloġija tar-riċerka biannwali li tiġbor flimkien kontributi tar-riċerka minn akkademiċi u studenti sponsorjati taħt skemi u programmi varji.
Għal aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lit-Taqsima tar-Riċerka fuq [email protected].
Il-Librerija tal-IPS
L-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi nieda l-librerija tar-riċerka tiegħu fl-2020 biex joffri punt ta’ referenza għall-Uffiċjali Pubbliċi li jixtiequ jagħmlu r-riċerka u jimxu ’l quddiem fl-istudji tagħhom dwar suġġetti relatati max-xogħol tas-Servizz Pubbliku. Il-Librerija tar-Riċerka tal-IPS tinsab fi Blokk A tal-kampus tal-IPS f’San Salvatore Bastion, Triq Sa Maison, il-Furjana.
Il-Librerija tar-Riċerka tal-IPS hija librerija ta’ referenza speċjalizzata li toffri:
- Xogħol akkademiku u ta’ referenza dwar temi rilevanti għar-rwol, il-funzjoni u l-iskop tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-operazzjonijiet, l-amministrazzjoni, il-maniġment u l-iżvilupp tagħha.
- Taqsima tal-Melitensia ta’ titli ppubblikati f’Malta relatati mal-politika pubblika, l-iżvilupp amministrattiv tal-gvern amministrattiv u politiku, bijografiji u xogħlijiet relatati oħra.
- Pubblikazzjonijiet uffiċjali maħruġa mis-Servizz Pubbliku u istituzzjonijiet oħra f’Malta.
- Rapporti istituzzjonali internazzjonali u pubblikazzjonijiet akkademiċi magħżula.
- Taqsima riżervata ta’ rapporti u dokumenti storiċi miġbura minn jew għas-Servizz Pubbliku.
- Teżini u teżijiet ta’ studenti sponsorjati taħt skemi varji amministrati mill-IPS.
L-IPS jaġġorna l-materjal u l-kotba regolarment bil-pubblikazzjonijiet l-aktar rilevanti.
Il-Librerija tar-Riċerka tal-IPS hija librerija ta’ referenza. L-ebda ktieb jew materjal tal-librerija ma jista’ jinħareġ mill-binja tal-Librerija tar-Riċerka tal-IPS.
Uffiċjali pubbliċi li jixtiequ jiċċekkjaw liema kotba hemm disponibbli jistgħu jagħmlu dan billi jidħlu f’din il-link. Għal aktar gwida dwar kif tuża d-database tal-Librerija tar-Riċerka tal-IPS tista’ tagħfas fuq din il-link.
Meta jagħżlu ktieb mid-database, l-utenti jistgħu jagħfsu fuq it-titlu tal-ktieb u jsibu fejn jinsab il-ktieb fil-binja tal-Librerija tar-Riċerka tal-IPS billi jiċċekkjaw il-kodiċi fir-ringiela tat-tags tal-ktieb.
ĦINIJIET TAL-FTUĦ
Il-Librerija tal-IPS hija miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa (ħlief il-Btajjel Pubbliċi),
bejn it-8:00 am u l-4:00 pm (sigħat tax-xitwa) u bejn it-8:00 am u s-1:00 pm (sigħat tas-sajf).
Bejn l-10:00 am u s-1:00 pm, mhu meħtieġ l-ebda booking biex jintużaw is-servizzi tal-Librerija tal-IPS.
Fil-kumplament tas-sigħat, l-Uffiċjali Pubbliċi u l-istudenti li jixtiequ jużaw is-servizzi tal-Librerija tal-IPS huma mitluba jibbukkjaw billi jagħfsu fuq din il-link.
SPAZJI GĦALL-ISTUDJU
L-IPS għandu għadd ta’ spazji għall-istudju li jinsabu fil-Librerija tal-IPS għall-użu mill-Uffiċjali Pubbliċi li jixtiequ jagħmlu r-riċerka u l-istudji tagħhom f'post għall-kwiet riżervat għall-istudju.
L-uffiċjali pubbliċi li jixtiequ jużaw dawn l-ispazji għall-istudju jridu jissottomettu t-talba tagħhom billi jużaw il-formola tal-bookings, li jistgħu jaċċessawha minn din il-link.
EBOOKS U ĠURNALI ONLINE … Speċjalment għalik!
L-IPS għandu wkoll il-pjaċir jippreżenta opportunità fenomenali esklussivament għall-uffiċjali pubbliċi! L-IPS joffri varjetà sħiħa ta’ eBooks u ġurnali online permezz ta’ ProQuest mingħajr ħlas. Waqt li l-IPS jisponsorja l-kontijiet tal-utenti, l-uffiċjali pubbliċi jiksbu aċċess mingħajr limitu għal din l-għodda potenti. Jekk int uffiċjal pubbliku, din hija l-opportunità tiegħek biex teċċella bħal qatt qabel u tħalli impatt b’mod sinifikanti fuq il-Ministeru tiegħek. Titlifhiex – tejjeb ir-riċerka, l-għarfien, u l-abbiltà professjonali tiegħek b’din l-offerta straordinarja!
ProQuest hija faċli ħafna biex tintuża, iżda hemm ukoll manwal dwar kif tuża d-Database ta’ ProQuest billi taċċessa din il-link.
STANDARDS VINKOLANTI
L-utenti kollha tal-Librerija tar-Riċerka tal-IPS huma marbuta bl-Istandards Vinkolanti li jirregolaw il-Librerija tar-Riċerka tal-IPS maħruġa mill-IPS u li jistgħu jiġu aċċessati minn din il-link.
L-Istandards Vinkolanti ta’ ProQuest, li fihom id-dettalji tat-termini u l-kundizzjonijiet jistgħu jiġu aċċessati minn din il-link.
MISTOQSIJIET
Uffiċjali Pubbliċi u studenti jistgħu jindirizzaw kwalunkwe mistoqsija dwar dawn l-Istandards Vinkolanti jew kwalunkwe servizz offrut mil-Librerija tar-Riċerka tal-IPS billi jibagħtu e-mail lil: [email protected]
PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-IPS
Aċċessa r-riżorsi tagħna għall-iżvilupp professjonali.
ARA L-PUBBLIKAZZJONIJIET