L-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi huwa korp ċentrali fid-Diviżjoni dwar Nies u Standards, u għandu rwol ewlieni fl-Immaniġġjar u l-Iżvilupp tan-Nies. L-Istitut huwa l-punt fokali u s-sors ewlieni għall-iżvilupp professjonali tal-uffiċjali pubbliċi u għall-inizjattivi tar-riċerka għas-Servizz Pubbliku f’Malta. L-Istitut għandu aġenda proattiva u komprensiva biex irawwem il-ħtiġijiet edukattivi u vokazzjonali tal-uffiċjali li jaħdmu fis-servizz pubbliku. Għandu l-iskop li joffri servizz u sapport lis-Servizz Pubbliku, kif ukoll lill-Amministrazzjoni Pubblika usa’, permezz ta’ inizjattivi tal-iżvilupp u r-riċerka li huma allinjati mal-valuri tas-servizz pubbliku. L-għan ta’ servizz ta’ eċċellenza jrid jinkiseb fl-isferi kollha u fil-livelli kollha tas-servizzi pprovduti lill-klijenti kollha, kemm interni kif ukoll esterni.
Min aħna
Il-Viżjoni Tagħna
Insawru Kultura tas-Servizz Pubbliku għal Servizz ta’ Eċċellenza
Stqarrija tal-Missjoni
L-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi jfittex li jidentifika u jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tal-Uffiċjali tas-Servizz Pubbliku permezz tar-riċerka, it-taħriġ u l-iżvilupp.
L-Istrateġija Tagħna
L-Istitut għandu l-istrateġija ta’ livell ogħla tiegħu mmexxija mill-bord tal-IPS, li huwa impriża kollaborattiva mal-imsieħba strateġiċi tiegħu fl-edukazzjoni għolja: l-Università ta’ Malta (UoM) u l-MCAST. Din il-pjattaforma bejn tliet partijiet tipprovdi l-possibbiltà għal qabża sinifikanti biex l-Istitut jinbidel f’akkademja tas-Servizz Pubbliku. Il-membri tal-Bord tal-IPS ġejjin minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, mill-industrija, u mis-servizz pubbliku nnifsu.
L-Istitut jaħdem biex jiżgura li t-twettiq tat-taħriġ jirrifletti l-istandards stabbiliti mill-qafas regolatorju ċentrali kif ukoll mill-gvern kollu. Iggwidat mill-Bord tal-Edukaturi, dan jipprovdi l-formazzjoni tal-impjegati tas-Servizz Pubbliku fi stadji varji tal-karriera tagħhom.
Se jagħti importanza ugwali lill-fergħa tar-riċerka tiegħu bħalma jagħti lill-funzjoni tat-taħriġ u l-iżvilupp. Ir-riċerka ssostni t-titjib u l-effettività tal-programmi ta’ żvilupp billi tappoġġa l-analiżi ta’ policies, il-ħtiġijiet għal taħriġ u riċerka tas-servizz pubbliku, in-nies, kif ukoll il-pajjiż. Għal din ir-raġuni, ir-riċerka hija imperattiva biex jiġi żgurat li l-IPS imantni l-pożizzjoni tiegħu bħala n-nukleu għat-titjib tas-servizzi pubbliċi.
Akkreditazzjoni
L-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi huwa liċenzjat mill-Awtorità ta’ Malta għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla bħala istituzzjoni għal edukazzjoni avvanzata u ogħla bin-numru tal-liċenzja S7.