Il-missjoni tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi (IPS) hija li “jfittex li jidentifika u jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tal-Uffiċjali Pubbliċi permezz tar-riċerka, it-taħriġ u l-iżvilupp”. It-Taħriġ u l-Iżvilupp, bħala funzjoni ewlenija fi ħdan l-IPS, għandu l-mira li jrawwem u, fejn xieraq, jipprovdi attivitajiet u approċċi ta’ taħriġ u żvilupp li jgħinu lis-Servizz Pubbliku ta’ Malta jwettaq politiki u programmi b’mod ekonomiku, effiċjenti u effikaċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-gvern u taċ-ċittadini ta’ Malta.
Il-mira ġenerali hija li t-taħriġ jiġi integrat fl-istituzzjoni tas-Servizz Pubbliku ta’ Malta u jkun imfassal għalih. Fi kliem ieħor, l-IPS jeżisti mhux sempliċement biex imexxi korsijiet ta’ taħriġ, iżda sabiex it-taħriġ isir parti integrali tat-tmexxija tal-Amministrazzjoni Pubblika kif ukoll jirregola l-funzjoni tat-taħriġ. Ir-responsabbiltajiet jinkludu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-uffiċjali pubbliċi u t-titjib tal-immaġni u l-ispirtu ta’ għaqda tal-organizzazzjonijiet tal-Gvern fejn dawn jiġu pprovduti bil-ħiliet neċessarji sabiex joffru servizz effiċjenti u effettiv lill-pubbliku.
L-Istitut japplika bosta metodoloġiji meta joffri t-taħriġ inkluż taħriġ fi klassi, workshops, taħriġ prattiku, u tagħlim elettroniku.
Barra li joffri firxa wiesgħa ta’ programmi għar-rekluti l-ġodda kif ukoll l-impjegati eżistenti, it-Taħriġ u l-Iżvilupp joffri wkoll taħriġ personalizzat imfassal apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ministeri jew dipartimenti. L-istaff tal-IPS huma ħerqana li jiltaqgħu miegħek biex jiddiskutu l-ħtiġijiet tiegħek kif ukoll jorganizzaw is-sessjonijiet f’ismek fejn meħtieġ.

